Paviment tal-irħam għas-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu

Għall-Karmelitani Beltin u għad-devoti tal-Madonna tal-Karmnu, din is-sena se tkun waħda speċjali.
Is-Santwarju tal-Belt Valletta, minn fejn nibtet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’pajjiżna, se jkun imżejjen b’paviment tal-irħam, proġett li se jġib fi tmiemu l-bini tal-Bażilka l-ġdida li nfetħet fl-1981.
Għaxar snin ilu, il-Komunità Karmelitana wettqet l-ewwel fażi tal-proġett. Dan kien jinkludi l-paviment tal-irħam tal-presbiterju, madwar it-tribuna tal-bronż. Dan jinkludi diversi simboli, fosthom l-erba’ evanġelisti u simboli oħra Marjani.
Din is-sena, malli tgħaddi l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, li tkun iċċelebrata kull sena nhar is-16 ta’ Lulju, se jkun qed jibda x-xogħol fuq il-pavimentar tal-kumplament tal-Knisja.
Id-disinn tal-art kien żvelat dalgħodu mill-Pirjol u Rettur tas-Santwarju Patri Alex Scerri O.Carm u l-maniġer tal-proġett Lino Bartolo.
Id-disinn sar mill-Kavallier Joe D’Amato, l-istess artist li ħadem l-iskultura li żżejjen dan is-Santwarju. Fost affarijiet oħra, id-disinn jinkludi l-arma tal-Bażilka li se tiddomina fin-nofs tas-Santwarju.
Ma’ Newsbook.com.mt, ir-Rettur Patri Alex Scerri qal li kienet ilha x-xewqa tal-komunità Karmelitana u l-Karmelitani Beltin li jsir dan il-proġett.
Spjega li l-għan huwa li l-proġett ikun lest sal-Għid tas-sena d-dieħla biex f’Lulju mhux biss tiġi ċċelebrata l-festa tal-Karmnu imma l-Provinċja Karmelitana Maltija tkun tista’ tiċċelebra s-sitt ċentinarju minn meta l-ewwel patrijiet Karmelitani waslu Malta.
Immedjatament wara l-festa, il-Bażilka se tkun imbattla minn kollox biex fi ftit ġimgħat oħra jkun jista’ jibda x-xogħol. Għax-xhur li ġejjin is-Santwarju se jkun magħluq għal kollox.
Għall-jiem tal-festa, li tibda llejla bil-ħruġ tal-Madonna tal-Karmnu min-niċċa, id-disinn se jkun espost fil-Bażilka.