Paul Muscat jirbaħ il-kampjonat tal-Motocross 2016/2017

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġie fi tmiemu l-kampjonat tal-muturi Motocross, bl-aħħar attività tal-istaġun.
Fi Klassi A, l-aħwa Paul u Trevor Muscat iddominaw il-ġurnata, b'Paul Muscat jirnexxielu jirbaħ l-ewwel heat filwaqt li fit-tieni heat spiċċa fit-tieni post biex għalaq il-ġurnata fl-ewwel pożizjoni. Paul Muscat kien segwit minn ħuh Trevor, it-tnejn fuq muturi KTM u fit-tielet post spiċċa David Dimech fuq Honda. 
Fi Klassi B, James Zahra fuq Sherco spiċċa rebbieħ segwit minn Bernard Sammut fuq Husqverna u Robert Spiteri fuq Yamaha.
Intant Klassi Ċ kienet iddominata minn Joe Azzopardi fuq Yamaha segwit minn Luke Sheldon fuq Kawasaki.
Fil-Klassi Veterans, Paul Degaura fuq KTM spiċċa fl-ewwel post segwit mill-aħwa William u Jethro Sant fuq Suzuki u Yamaha rispettivament.
Louis Debono daħal fir-raba' post fuq Yamaha.
Fi tmiem l-attività, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ddikjarat uffiċjalment lil Paul Muscat bħala r-rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2016/2017 sponsorjat mid-ditta Pasta Poiatti.
Tul l-istaġun Muscat irnexxielu jirbaħ total ta' sitt tiġrijiet minn tmienja waqt li fiż-żewġ tlielaq l-oħra spiċċa darba fit-tieni post u oħra fir-raba', biex għalaq il-kampjonat bi 373 punt.
Intant is-Sibt li għadda ingħalqet ukoll il-klassifika Motocross Klassi B fejn Ryan Faenza fuq Yamaha rebaħ b’vantaġġ tajjeb ta' 339 punt segwit minn Mark Mamo fuq Yamaha b’145 punt.
Klassi Veterans għalqet bl-aħħwa Sant jiddominaw, b’William Sant fuq Suzuki jiġi dikjarat rebbieħ bi 359 punt segwit minn huh Jethro fuq Yamaha bi 352 punt.

Ritratt: Mario Micallef