Paul Bugeja maħtur Kap Eżekuttiv fl-MTA

Paul Bugeja, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tar-Ristoranti u l-Lukandi, inħatar Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtoritá ta’ Malta għat-Turiżmu.
Dan wara li fil-jiem li għaddew tħabbar li Josef Formosa Gauci kien ressaq ir-riżenja tiegħu mill-Awtorità.
Il-bord tal-MTA approva unanimament il-ħatra ta’ Paul Bugeja, li se jibda l-ħidma tiegħu fl-Awtorità fil-ġranet li ġejjin.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis qal li Paul Bugeja għandu esperjenza kbira tas-settur kemm lokali kif ukoll internazzjonali u rebaħ il-fiduċja tal-industrija tat-turiżmu fil-Presidenza tal-MHRA.
Huwa serva wkoll bħala membru fil-bord tad-diretturi fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu.
Paul Bugeja ilu membru fil-grupp tal-Corinthia għal dawn l-aħħar 35 sena.