Paul Borg Olivier igiddeb ix-xhieda ta’ Paul Apap Bologna

Read in English.

Paul Borg Olivier, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, giddeb ix-xhieda ta’ Paul Apap Bologna fis-seduta tal-lum tal-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Bord tal-Inkjesta deher xettiku dwar ħafna mit-tweġibiet ta’ Apap Bologna. Huwa qal xi ineżattezzi, pereżempju semma li l-proġett tal-powerstation ġie ppreżentat lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi, lill-Ministru tal-Ambjent, lill-Ministru tal-Infrastruttura u anke lill-ERA fl-2007 jew fl-2008. Madankollu, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) twaqqfet fl-2016 meta l-MEPA nqasmet fi tnejn: l-ERA u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA).

Fix-xhieda tiegħu, Apap Bologna, li hu wieħed mid-diretturi tal-konsorzju tal-Electrogas, ġie mistoqsi fuq diversi aspetti tal-proġett tal-powerstation. Huwa kemm-il darba wieġeb li ma jafx jew li jrid jiċċekkja. L-Imħallef Abigail Lofaro kemm-il darba fakkritu jqis dak li qed jgħid billi qiegħed taħt ġurament.

Apap Bologna kien avviċina lill-Gvern Nazzjonalista bi proposta għal powerstation meta dan kien għadu fil-poter, jiġifieri qabel tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013. Fil-qorti qal li kien fl-2007 jew fl-2008 meta avviċina lill-Gvern Nazzjonalista.

Madankollu, f’kitba fuq Facebook, Borg Olivier ikkjarifika li ma kienx fl-2007 jew fl-2008 meta Apap Bologna pprova jbigħ dan il-proġett lill-Gvern Nazzjonalista, imma kien f’nofs l-2009. Skont Borg Olivier, Apap Bologna ta d-data l-ħażina biex jipprova jiddistakka ż-żmien meta avviċina lill-Gvern u meta Joseph Muscat laħaq Mexxej tal-Partit Laburista, u Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-2009, qal Borg Olivier, ħabat l-istess żmien li Muscat appunta lil Keith Schembri chairperson tal-grupp li kien jaħdem fuq l-enerġija fi ħdan il-Partit Laburista. Dan il-grupp kien jivvjaġġa lejn il-Libja jfittex proposti tal-enerġija.

Apparti hekk, Apap Bologna qal li l-preżentazzjoni ma kinitx tiegħu, imma abbozz li għamlet il-kumpanija Gasol. Borg Olivier mera lix-xhud dwar dan u xerred ritratt mill-proposta, li fih hemm miktub li Apap Bologna huwa dak li qed imexxi l-proġett. L-eks Segretarju Ġenerali qal li minn riċerka li wettaq ta’ fuq fuq wara l-laqgħa tiegħu man-negozjant fl-2009, skopra li Gasol u n-nies involuti fiha ma tantx kellha reputazzjoni tajba.

Borg Olivier xeħet dubju wkoll fuq dak li qal in-negozjant li ma ltaqax mal-Partit Laburista qabel l-2013, billi mbagħad il-Gvern Laburista f’Jannar ta’ dik is-sena, f’nofs kampanja elettorali, ħabbar proġett simili ħafna ta’ dak li Apap Bologna kien avviċina lill-Gvern bih snin qabel. Meta xehed fl-inkjesta pubblika, Borg Olivier kien sejjaħlu “kważi identiku.”

Paul Apap Bologna took the witness stand today in the public inquiry related to the assassination of Daphne Daphne…

Posted by Paul Borg Olivier on Friday, October 2, 2020

L-eks Segretarju Ġenerali indirizza lil Apap Bologna u qallu, “Kont il-qorti fejn trid issir ġustizzja. Dan mhux post għall-kummidjanti. Dawk hemm post ieħor għalihom.” Żied jgħid li anke tifel ta’ tliet snin isibha diffiċli jemmen dak li qal ix-xhud.

Lil hinn minn dan, l-eks Segretarju Ġenerali qal li kienet pjuttost kumbinazzjoni li GEM, isem il-konsorzju bejn Apap Bologna, Fenech u Gasan, kien l-istess isem sottomess fil-preżentazzjoni tal-2009.

Borg Olivier semma wkoll kif Apap Bologna donnu ħarab mill-mistoqsijiet fuq is-similaritajiet bejn il-proposta tal-2009 u l-proposta magħżula mill-Gvern Laburista snin wara. Qal li Apap Bologna naqas milli jgħid lill-Qorti x’kien wiegħed fi tmiem il-proposta: “Decision is yours, we will do our part, if you will do yours.” Borg Olivier ġibed l-attenzjoni għal dak li sar ifisser dan il-kliem dawn is-snin wara.