Patri Mark mitlub mill-Arċisqof ikompli jsegwi d-dixxiplina tal-Knisja

F’laqgħa li saret illum, l-Arċisqof Charles Scicluna inkoraġġixxa lil Patri Mark Montebello biex ikompli bil-ħidma pastorali tiegħu ma’ persuni omosesswali.
Talbu jkompli jsegwi l-prassi u d-dixxiplina tal-Knisja fil-ministeru tiegħu, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni ta’ riti sagri u fir-ritwali tal-Knisja. 
Fi stqarrija, il-Kurja qalet li matul il-laqgħa kordjali, Patri Mark irringrazzja lill-Arċisqof u lill-Vigarju Ġenerali għall-appoġġ tagħhom u qabel li fil-ministeru pastorali tiegħu ma’ persuni omosesswali hu jkompli jsegwi l-prassi u d-dixxiplina tal-Knisja.  Kelliem għall-Kurja qal li r-ritwal tat-tberik taċ-ċrieket tal-għerusija u tat-tieġ huma riservati biss għal raġel u mara.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Vigarju Ġenerali Fr Joe Galea Curmi, iltaqgħu ma’ Patri Mark Montebello u mal-Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija, Patri Frans Micallef fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.