“Patri Mamo kien bniedem ċajtier, umli u maħbub minn kulħadd”

Patri Mamo kien bniedem ċajtier, umli u maħbub minn kulħadd. Hekk ġie deskritt Patri Anġlu Mamo OP mill-Pirjol Patri Christopher Caruana. Patri Mamo miet ilbieraħ fl-età ta’ kważi 82 sena.

Ma’ Newsbook.com.mt Patri Caruana spjega kif Patri Mamo dejjem kien jirrakkonta li wara esperjenza minima pastorali ħass li kellu jaffaċċja sfidi kbar quddiem kultura u kuntesti soċjali tant differenti minn dawk li kien imrobbi fihom. Patri Mamo ngħata kompletament għall-ħidma pastorali missjunarja, kemm bħala assistent parroku kif ukoll bħala kappillan. Huwa serva f’diversi parroċċi fil-Brażil: Borozopolis, Faxinal, Matinhos, Ponta Grossa, Curitiba, Londrina fil-Paranà, f’Santa Cruz u f’Sao Paolo. Dawn is-snin twal f’ambjenti spiss iebsin soċjalment iffurmawlu kuxxjenza kbira ta’ ġustizzja soċjali u ta’ konkretezza fl-imħabba prattika tal-proxxmu

Patri Caruana spjega li Patri Anġlu kien maħbub ferm kull fejn kien u bosta se jibqgħu jiftakruh għall-karattru ferrieħi u dħuli tiegħu. “Kważi bi prinċipju kellu stmerrija għall-formalitajiet żejda għax kien iħoss li joħonqu l-awtentiċità fil-komunikazzjoni interpersonali,” spjega Patri Caruana. Hu kien serju u dedikat fil-ħidma pastorali u saċerdotali tiegħu, mingħajr qatt ma jwarrab l-umanità tal-proxxmu fil-ġenb. Kien bniedem ta’ ftit sabar quddiem strutturi li ma jiffunzjonawx u wera dejjem empatija kbira mal-ammont kbir ta’ persuni li kienu jiġu jiftħu qalbhom miegħu. Hu kien jidħol fiż-żarbun tagħhom u fuq kollox jogħqod jismagħhom bil-kwiet. Hu kellu kapaċità li jagħmel battuti puntwali umoristiċi li kienu mill-ewwel jiffurmaw pont mal-persuna ta’ quddiemu. “Fuq kollox qatt ma ħa lilu nnifsu b’serjetà eżaġġerata: għal kuntrarju kien igħoxa jitbellah bih innifsu u jirrakkonta stejjer dwar ġrajjiet li jikxfu is-sempliċità u kultant l-ispontanjetà inġenwa ta’ meta kien inqas matur,” sostna Patri Caruana.

Hu sostna li kemm it-tfal kif ukoll il-kbar kienu jħobbu lil Patri Anġlu. Qal li filwaqt li hu kien idaħħak lit-tfal, l-adulti “dejjem raw fih bastun ta’ sostenn spiritwali u uman.”

Il-funeral ta’ Patri Anġlu se jsir nhar is-Sibt fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat.