Aġġornata: Patri Deo Debono jwieġeb ħati

Facebook - Deo Debono

Read in English.

Patri Deo Debono wieġeb ħati għal 3 mill-akkużi miġjuba kontrih relatati ma’ serq ta’ arti sagra.

Skont stqarrija mingħand il-Pulizija, huwa tressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia b’akkużi relatati ma’ serq u misapproprjazzjoni minn postijiet sagri fil-Belt.

Il-Patri Agostinjan ta’ 36 sena daħal fil-Qorti akkumpanjat minn żewġ spetturi u mal-avukat tiegħu Stephen Tonna Lowell. Il-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani Patri Leslie Gatt kien parte civile fil-każ, u kellu miegħu l-avukat Karl Micallef.

L-uffiċjali tal-Prosekuzzjoni li kienu l-ispetturi Jeffrey Farrugia u Saviour Baldacchino, flimkien mal-avukat parte civile u l-avukat tad-difiża, inġabru jiddiskutu l-każ b’mod li ma jinstemgħax.

Wara xi ftit ħin, il-Maġistrat Ian Farrugia dar fuq l-akkużat u tah ftit ħin biex jaħseb dwar l-ammissjoni tiegħu li hu ħati. Qallu li l-akkużi huma serji u li se jingħata sentenza ħabs. Patri Debono ħareġ mill-kamra mal-avukat tiegħu, u wara ftit reġà daħal jgħid li qed iwieġeb ħati għall-3 mill-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża staqsiet biex il-proċeduri jitkomplew fil-privat, u l-prosekuzzjoni qablet. Il-Maġistrat laqa’ t-talba, u għalhekk, il-ġurnalisti kellhom jitilqu.

Il-Patri li kien Kappillan tal-Paroċċa ta’ Santu Wistin tneħħa mill-kariga tiegħu iktar kmieni f’Settembru minħabba l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront tiegħu. Id-deċiżjoni kienet ittieħdet bi qbil li sar bejn l-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani Patri Leslie Gatt u l-Arċisqof Charles Scicluna.

Skont rapporti, huwa ġie akkużat li kien involut f’serqa ta’ arti sagra b’valur ta’ €100,000.