Patata mimlija bil-ħut

Ingredjenti

4 patatiet kbar (ta’ madwar 225g kull waħda)

żejt taż-żebbuġa

1 litru ħalib

2 irjus tat-tewm mgħaffġa

1 werqa randa

300g ħut tal-għażla tiegħek, imnaddaf sew

3 mgħaref tursin imqatta’

55g ġobon Cheddar maħkuk

bżar u melħ

lumija mqattgħa biex isservi

Metodu

Saħħan il-forn għal 200˚Ċ.

Aħsel il-patata, nixxifha u tgħaqqabha b’furketta.  Idlika bi ftit żejt taż-żebbuġa, għamilha f’kontenitur tal-forn u aħmiha madwar siegħa sakemm tara li saret sew.

Sadattant lesti l-mili. F’kazzola poġġi l-ħalib, it-tewm u l-werqa randa. Saħħan sakemm jagħli. Żid il-ħut u sajjar fuq nar bati għal 5 minuti. Neħħi minn fuq in-nar. Oħroġ il-ħut u poġġieh fuq platt.

Ħalli l-patata tiksaħ ftit. Aqsamha min-nofs għat-tul. Neħħi l-qalba u poġġieha f’bieqja. Farrak il-ħut u żidu mal-patata. Żid it-tursin u 150m mit-taħlita tal-ħalib. Immaxxja kollox u jekk ikun hemm bżonn żid ftit aktar ħalib. Iżda ħalli t-taħlita  ftit iebsa. Imla l-patata b’din it-taħlita u ferrex il-ġobon il-wiċċ.

Daħħal fil-forn u sajjar għal 25 minuta jew sakemm tara li l-wiċċ ħa kulur dehbi.

Servi mill-ewwel, roxx ftit żejt taż-żebbuġa fil-wiċċ u żejjen bil-biċċiet tal-lumi.