Patata Maltija għal min m’għandux x’jiekol fil-Libanu

Facebook

500 xkora ta’ patata Maltija ntbagħtu l-Libanu għal dawk in-nies li m’għandhomx x’jieklu, li għadhom iħossu l-impatt tal-isplużjoni li ħasdet il-belt kapitali ta’ Bejrut ftit xhur ilu.

Dan tħabbar mill-Għaqda Bdiewa Attivi fuq Facebook, li qalet li din hija t-tieni darba din is-sena li l-patata Maltija qed titma’ lil min m’għandux x’jiekol.

Ghat-tieni darba din is-sena, il-patata Maltija qed titma' lil min m'ghandux x'jiekol.Grazzi ghall-inizjattiva u…

Posted by Għaqda Bdiewa Attivi on Sunday, September 27, 2020

L-ewwel darba din is-sena li l-patata Maltija marret għand min huwa inqas ixxurtjat kienet meta l-Gvern xtara u esporta 468 tunnellata patata lejn in-Namibja minħabba l-kriżi tal-ikel t’hemmhekk. Din il-patata ntbagħtet f’Ġunju u kellha tasal lejn tmiem Awwissu.

L-NGO rringrazzjat lil Charles Pace talli kkordina dil-biċċa xogħol u lill-Ministeri tal-Affarijiet Barranin u tal-Agrikoltura tal-koperazzjoni.

Aktar minn 100 persuna tilfu ħajjithom u madwar 4,000 indarbu meta seħħet splużjoni fil-Libanu fl-4 t’Awwissu li għadda.

L-isplużjoni, li seħħet f’maħżen fil-port fejn kien jinżamm materjal splussiv, kienet l-agħar waħda f’ħafna snin f’Bejrut, li diġà kienet qed issofri l-konsegwenzi ta’ kriżi ekonomika u żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus.

Hu u jitkellem fuq 103 Malta’s Heart ix-xahar li għadda, provinċjal Malti li joqgħod il-Libanu qal li l-belt għadha ma rkupratx minn din l-isplużjoni. Huwa ddeskriva kif ħafna nies kienu qegħdin jippruvaw isewwu l-affarijiet u l-propjetajiet tagħhom. Fost ħafna nibtet ix-xewqa li jitilqu mill-pajjiż.