Pastor nisranija meħlusa wara li nħatfet f’Burkina Faso

abductions

Pastor nisranija li nħatfet flimkien ma’ wliedha u n-neputijiet fil-Burkina Faso fit-3 ta’ dan ix-xahar inħelset ftit jiem wara. Il-familja ta’ Pierra Boena, pastor tal-Knisja “Assemblies of God” inħelset ftit jiem wara li nħatfu mid-dar tagħhom fil-villaġġ ta’ Bilhore li jinsab fuq il-fruntiera mal-Mali.

Mhux ċar jekk tħallasx kumpens biex inħelsu. Madankollu jidher li membru ieħor tal-istess Knisja, Pauline Sawadogo li kienet fid-dar ta’ Boena flimkien ma’ żewġ uliedha meta sar il-ħtif, inħatfu wkoll u s’issa ħadd ma jaf x’sar minnhom.

Dan il-każ seħħ wara żewġ każi oħra ta’ ħtif ta’ persuni importanti f’dan ir-reġjun fl-aħħar 18-il xahar. F’wieħed mill-każi, katekista kattoliku u martu nħatfu mid-djoċesi ta’ Dori filwaqt li fit-tieni każ, koppja Awstraljana li għal dawn l-aħħar erba’ snin kienu qed imexxu klinika kbira f’Maghrebin Djibo, ittieħdu b’ostaġġi mill-Al Qaeda. Il-mara Ken Elliot, inħelset xahar wara l-ħtif li seħħ  f’Jannar iżda r-raġel għadu miżmum.

Ħadd għadu ma ħa r-responsabbiltà għall-aħħar żewġ każi ta’ ħtif, imma s-suspettati ewlenin huma membri tal-Grupp Fulani li bħalissa għandhom kwistjoni ma’ grupp nomadu ieħor fl-inħawi, dwar xi artijiet agrikoli.

Ftit tal-jiem ilu, l-Isqfijiet tal-Burkina Faso u n-Niger għamlu ż-żjara “ad limina lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fejn kellhom ukoll laqgħat ma’ awtoritajiet oħra tas-Santa Sede li fihom saħqu dwar il-ħtieġa tat-tisħiħ tad-djalogu interreliġjuż fil-pajjiż, anke mal-Musulmani, biex ikunu evitati tensjonijiet fir-reġjun. B’kollox 21 Isqof ħadu sehem f’dawn il-laqgħat.