Passiġġieri tal-MH370 jiġbdu xi flus mill-ATM?

Ħames xhur wara li sparixxiet it-titjira tal-Malaysia Airlines MH370, jidher li kontijiet bankarji ta’ xi passiġġieri li sal-lum għadhom irrapurtati nieqsa, ġew aċċessati minn ATM fi Kuala Lampur.
Skont rapport li qed jidher f’ġurnal Ingliż, erba’ kontijiet bankarji ġew aċċessati minn ATM fil-Malasja fit-18 ta’ Lulju fejn b’kollox inġibdu mal-ekwivalenti ta' 37,464 dollaru Awstraljan fil-munita tal-Malasja.
L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija ta’ Kuala Lampur qal li qed jiġu investigati l-possibiltajiet kollha, fosthom dik li jista’ jkun li l-flus inġibdu minn xi uffiċjal tal-bank.
Qal li qed jiġu eżaminati diversi filmati bil-kameras tas-CCTV.
Fil-Malasja min jinqabad jaċċessa kontijiet bankarji mingħajr awtorizzazzjoni jista’ jeħel sa 10 snin ħabs.