Passiġġieri tal-EasyJet imwerwra; raġel jipprova jiftaħ bieba tal-ajruplan

Passiġġieri tal-EasyJet li kienu fuq titjira minn Gatwick f’Londra lejn Pisa fl-Italja twerwru meta passiġġier ipprova jiftaħ il-bieba tal-ajruplan f’għoli ta’ madwar 9,100 metru.  Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda.

Skont il-midja Ingliża, passiġġieri Ingliżi u l-membri tal-ekwipaġġ imbuttaw lir-raġel mal-art, meta beda jipprova jiftaħ il-bieba tal-emerġenza tal-Airbus A319.

Ir-raġel, li għandu fuq 30 sena, ġie sfurzat ipoġġi f’postu, biex l-ajruplan ikun jista’ jinżel f’Pisa.

Negozjant Ingliż iddeskriva kif innota lir-raġel dieħel it-toilet  “ftit nervuż” u li meta ħareġ lura baqa’ sejjer lejn il-ħruġ ta’ emerġenza.  Wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ għajjat miegħu biex jieqaf, filwaqt li l-passiġġieri mbeżża’ bdew iwerżqu u jibku.

Mal-inżul tal-ajruplan f’Pisa, kien hemm il-Pulizija jistennew lir-raġel, u eventwalment interrogawh b’rabta ma’ dan l-inċident.