Ritratti: Passiġġiera tinqabad bi kważi 10 kilogrammi kokaina fl-ajruport

Read in English.

Passiġġiera li kienet ġejja Malta minn Spanja nqabdet b’aktar minn disa’ kilogrammi kokaina fuqha.

L-Uffiċċju tad-Dwana ħabbar li s-sejba saret fl-ajruport waqt tiftix li jsir mill-uffiċjali fuq passiġġiera ġejjin minn barra minn Malta.

L-uffiċjali daħlilhom suspett f’basket li kienet qed iġġorr passiġġiera meta raw il-kontenut tiegħu mill-magna tal-X rays. Meta fittxew ġo dal-basket, sabu moħbija 9.85 kilogrammi ta’ sustanza bajda. Testijiet narkotiċi preliminari jissuġġerixxu li din hi kokaina.

Id-droga ngħatat lill-Iskwadra tad-Drogi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li arrestaw lill-mara Spanjola. Persuna li kienet qed takkumpanja lil din il-mara nqabdet b’ammont żgħir ta’ kannabis u ecstasy.

Iż-żewġ persuni mistennijin jitressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin.