Passiġġata għat-tigra, tifel bi ġrieħi gravi, 3 meħlusa

Inqatgħet is-sentenza mill-Qorti dwar il-każ tat-tigra li kienet attakkat tifel, fejn tnejn mill-irġiel ma nstabux ħatja filwaqt li raġel ieħor instab ħati iżda ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fiż-żmien tlett snin.

Il-każ imur lura għat-28 ta’ Novembru 2015 u ġara f’Monte Kristo Animal Park, f’Ħal-Farruġ.

Dakinhar it-tigra kienet inħarġet mill-handler biex tagħmel ftit passi u kienet attakkat tifel li kien għadu kif niżel minn fuq carousel. It-tifel kien ġarrab ġrieħi gravi f’wiċċu. It-tigra kienet marbuta barra mill-gaġġa tagħha b’ċinga tal-ħadid meta attakkat lit-tifel.

Kważi sentejn wara, bdew il-proċeduri legali fil-konfront ta’ Carmel Polidano magħruf bħala ċ-Ċaqnu, Michael Mercieca u Muhammad Saleem.

It-tlieta li huma kienu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb, traskuraġni jew nuqqas ta’ ħila fl-arti u professjoni tagħhom jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġunaw offiża gravi fuq it-tifel. Filwaqt li Polidano kien akkużat separatament li kkommetta reat illi jrabbi annimali aggressivi li jistgħu joħloqu periklu għas-sigurtà tal-bniedem, stabbilment żooloġiku bla liċenzja, u li kien reċidiv.

Il-familja tal-vittma u l-imputati sabu qbil rigward id-danni u ma kienux interessati fil-proċeduri kriminali fil-Qorti. Iżda l-każ xorta instema.

Kemm Polidano u Mercieca ma nstabux ħatja. Filwaqt li fil-konfront ta’ Saleem il-Qorti ħasset li kellu joqgħod iktar attent meta joħroġ it-tigra għall-mixja u din il-mixja ma kelliex tkun fejn seta kien hemm aċċess tal-pubbliku, huwa nstab ħati iżda ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fiż-żmien tlett snin. Huwa ġie ordnat iħallas €389.27.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud.