F’dawk li stilistikament jistgħu jitqiesu bħala għadd ta’ mistoqsijiet retoriċi, il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jallega li f’Diċembru 2020, l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proċess verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar l-Inkjesta Maġisterjali fuq il-Bank. Fost ir-rakkomandazzjonijiet hemm li għandhom jittieħdu passi kriminali għall-ħasil tal-flus kontra l-Bank Pilatus, is-sidien, id-diretturi u oħrajn. L-inkjesta kienet inbdiet fl-2018.
Azzopardi jitlob lill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jikkonferma li l-Maġistrat Inkwirenti rrakkomanda li jittieħdu passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra:
- il-Bank Pilatus bħala Bank
- is-sidien tal-Bank
- id-Diretturi tal-Bank
- il-Money Laundering Reporting Officer
L-avukat Azzopardi staqsa wkoll jekk il-Maġistrat talbitx li jiġi investigat l-operat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) għal possibbli ksur ta’ liġi fl-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus u kompliċità kriminali għall-ħabi ta’ ksur ta’ liġi kriminali mill-Bank Pilatus.
Fl-aħħarnett Azzopardi jixtieq ikun jaf għaliex il-Gvern għadu m’għamel xejn sal-lum biex jitlob l-estradizzjoni lejn Malta ta’ dawk kollha indikati mill-Maġistrat Inkwirenti li għandhom jitressqu l-Qorti fuq ħasil ta’ flus.
F’Diċembru li għadda Newsbook.com.mt kien ikkwota rapport ta’ The Sunday Times of Malta li kien qal li l-Pulizija qed toqrob fl-investigazzjoni tagħha dwar allegat ħasil ta’ flus permezz tal-Bank Pilatus u b’hekk mhux eskluż li jitressqu xi persuni l-Qorti fiż-żmien li ġej.
Il-Bank Ċentrali Ewropew irtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus fl-2018, wara l-arrest fl-Istati Uniti tal-eks chairman tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad, u sentejn wara li ġie implikat għall-ewwel darba li kiser ir-regolamenti tal-ħasil ta’ flus.
L-FIAU qajmet tħassib dwar il-proċeduri tal-Bank Pilatus kontra l-ħasil tal-flus. Dan wara li żaret il-bank fl-2016. Fil-lista tal-klijenti l-bank kellu diversi persuni esposti politikament.
Il-Bank Pilatus kien fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet li dwarhom kitbet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fuq korruzzjoni u ħasil ta’ flus. L-Aworità Bankarja Ewropea (EBA) kienet akkużat lil Malta li naqset milli tieħu l-passi neċessarji fil-konfront tal-każ ta’ Pilatus. L-EBA kienet ħarġet tmien rakkomadazzjonijiet għall-FIAU.