Passi kontra min ħabbat mal-karozza ta’ Bonnici – L-Ispeaker

Miguela Xuereb

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati sostna li s-sedja tara li għandhom jittieħdu l-passi fil-konfront ta’ dawk il-persuni li qabżu l-limitu u kisru l-liġi inkluż bi vjolenza u danni volontarji fil-konfront tar-rappreżentanti tal-poplu.

Il-protesta bdiet minn quddiem Kastilja u baqgħet sejra għal quddiem il-bini tal-Parlament. Il-karozza tal-Ministru Owen Bonnici, li kien ħiereġ mill-Parlament inqabdet fil-folla, bl-attivisti jduru mal-karozza bil-konsegwenza li ma setgħetx tgħaddi.

Aqra: Filmat: Owen Bonnici jispjega kif spiċċaw qalb il-folla

Din il-protesta ġiet propju wara li lbieraħ ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black. Aktar tard ħareġ mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bosta entitajiet u rappreżentanti tal-komunitajiet għajtu għar-riżenja ta’ dawk kollha li fil-passat b’xi mod jew ieħor kienu se jidħlu f’negozji illeċiti mal-istess Fenech. Huma talbu wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru nniffsu talli falla milli jkeċċihom mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-Gvern.

Aqra: Filmat: Inċidenti bejn ix-xufier tal-Ministru Bonnici u l-attivisti

L-Ispeaker Anġlu Farrugia innota b’dispjaċir l-inċidenti li seħħew ilbieraħ u rrefera b’mod partikolari għal kif il-membri tal-Kamra ġew imfixkla u insulentati waqt li kienu ħerġin mill-Parlament. Waqt l-istess protesta, indarbu wkoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija, b’każ partikolari jkun dak li fih indarbet Spettur wara li x-xufier tal-Ministru Owen Bonnici allegatament saq għal fuq il-folla.

Intant, Farrugia saħaq li l-aġir tad-dimostranti li kienu vjolenti jista’ jiġi meqjus ukoll bħala li jikkonstitwixxi reat kontra l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati (Kap. 113).