Passaporti ġodda minn dan ix-xahar

Minn dan ix-xahar se jidħol fis-seħħ il-passaport il-ġdid li se jkun juri xbihat ta’ postijiet rinomati f’Malta, folklor u tradizzjonijiet Maltin li joħorġu s-sbuħija tal-wirt storiku u kulturali Malti.

Dawn l-immaġini huma kumplessi ħafna u fihom saff importanti ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà. Dawn se jkunu stampati b’inka sigura u kienu ddisinjati fil-passaport sabiex ikun aktar sigur.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli qalet li l-passaport se jkun qed jinkorpora fih il-kultura u l-ivjaġġar, iżda aktar minn hekk se jkun dokument sigur li se jagħmilha ferm diffiċli biex jiġi ffalsifikat.

Il-passaport se jkun jinkludi d-dettalji personali tal-persuna u se jkunu mnaqqxa fuq paġna polycarbonate sabiex toffri aktar sigurtà.

Anton Sevasta, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta, qal li l-ewwel passaporti se jkunu fiċ-ċirkolazzjoni fit-tieni ġimgħa ta’ Novembru. L-ewwel se jsiru l-passaporti Aljeni u Diplomatiċi mbagħad isegwu l-passaporti ordinarji.

Il-Passaport il-ġdid se jkun qed jinħareġ għall-applikazzjonijiet għall-passaport ġdid jew tiġdid  ta’ passaport mingħajr ebda żieda fil-ħlas preżenti. Il-passaporti eżistenti se jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu.