Passaġġi ġodda fejn timxi u ssuq ir-rota

Numru ta’ passaġġi ġodda u proġett ta’ tisbiħ tlesta f’Misraħ il-Maqluba fil-limiti tal-Qrendi. Din hija żona ta’ protezzjoni fuq livell internazzjonali.
Il-bieraħ il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Edward Zammit Lewis nieda l-passaġġi ġodda. Hu qal li dawn il-passaġġi minn fejn persuna tista’ timxi jew issuq ir-rota saru bl-għan li titejjeb l-aċċessibilità fiż-żoni semi-rurali, rurali u naturali. Apparti minn hekk dawn se jkunu qed jitgawdew mill-abitanti kollha u kif ukoll jattiraw aktar turiżmu rurali lejn Malta. Hu saħaq li dan se jattira aktar turisti fix-xitwa minħabba li Malta, meta mqabbla ma’ ta' pajjiżi oħra ma tinħakimx minn temperaturi baxxi matul ix-xitwa iżda tgawdi sigħat ta’ xemx u temperaturi aktar sħan. 
S’issa l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu identifikat 9 rotot ta’ passaġġi. Għal dawn ir-rotot ġew ippublikati fuljetti li joffru direzzjoni lit-turisti li jkunu f’Malta.  
Dan il-proġett twettaq permezz ta’ Fondi mill-Unjoni Ewropea.