‘Passaġġ sigur għal min ifittex refuġju għandu jkun prijorità’ – Lifeline

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

Waħda mit-talbiet tal-għaqda mhux governattiva Ġermaniża Mission Lifeline hi li jiġu assigurati passaġġi siguri u legali għar-rifuġjati. L-għaqda li għadha bil-bastiment tagħha maqbud f’Malta għamlet erba’ talbiet qabel il-mini summit li se jsir nhar it-Tnejn f’Malta.

Il-Ministri tal-Interi ta’ Franza, l-Italja, il-Ġermanja, il-Finlandja u Malta mistennija jiltaqgħu fil-Forti ta’ Sant’Anġlu biex jiddiskutu l-mekkaniżmu li bih ir-rilokazzjoni tal-persuni li jiġu salvati mill-għarqa tkun imbassra minflok dawn jitħallew jiem bejn sema u ilma. Fl-aħħar sena kien hemm diversi drabi fejn il-Kummissjoni Ewropea mexxiet negozjati bejn l-Istati Membri biex persuni li qed ifittxu ażil jitniżżlu u jiġu rilokati ma’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Ħafna drabi iżda l-persuni tħallew abbord il-bastimenti sakemm intlaħaq ftehim.

L-għaqda Mission Lifeline sostniet li din hi t-tieni laqgħa ta’ dan it-tip iżda għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni.

Fl-istqarrija l-għaqda qalet li s-sitwazzjoni preżenti hi riżultat tal-politika ġenerali tal-Istati Membri dwar l-immigrazzjoni. Sostniet li huma qed ikomplu jikkriminalizzaw l-għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu ħidma tat-tfittxija u salvataġġ kif ukoll qed jagħmlu pushbacks li huma llegali.

L-erba’ talbiet ta’ Mission Lifeline huma: passaġġ sigur għar-rifuġjati li qed jaħarbu minn pajjiżhom, li jintemm l-ftehim ma’ l-hekk msejjħa Gwardja tal-Kosta Libjana, li tintemm il-kampanja kontra l-għaqdiet mhux governattivi li qed iwettqu xogħol fil-Mediterran kif ukoll li jkun hemm riforma tar-regoli Ewropej dwar l-immigrazzjoni magħrufa bħala r-regoli ta’ Dublin.

Mill-bidu tas-sena 2019, 933 persuna kienu rrappurtati mejta fil-baħar Mediterran waqt li qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa, skont l-Missing Migrants.