“Pass viċin għall-Awtorità dwar il-blockchain” – Silvio Schembri

Għadu kemm tnieda proċess ta’ konsultazzjoni mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali sabiex tibda tirreġistra entitajiet li jipprovdu servizz u tiċċertifika applikazzjonijiet ta’ blockchain. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li dan huwa pass aktar viċin sabiex jibda l-ipproċessar neċessarju f’din l-industrija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali Stephen McCarty qal li l-linji gwida se joħolqu standards fl-industrija għal Awdituri tas-Sistemi, Amministraturi Tekniċi, Aġenti Residenzjali u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Arranġamenti għal Teknoloġiji Innovattivi.

Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ekonomija Digitali ġie spjegat li l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-linji gwida se jsir f’erba’ fażijiet.

  1. L-ewwel dokument huwa sett ta’ linji gwida għall-Awdituri tas-Sistemi li jagħtu ħarsa lejn il-kriterji meħtieġa għal dawk irreġistrati mal-Awtorità biex jagħmlu awditjar fuq applikazzjonijiet tal-blockchain.
  2. It-tieni dokument jinkludi linji gwida għall-Arranġamenti ta’ Teknoloġija Innovattiva. Dawn se jfasslu l-kriterji biex ikunu ċċertifikati pjattaformi ta’ DLT u Smart Contracts.
  3. It-tielet dokument jikkonsisti f’linji gwida għall-Amministraturi Tekniċi dwar kriterji għall-entità responsabbli sabiex iżżomm u tħares l-arranġamenti għat-teknoloġija u tkun issalvagwardjata l-protezzjoni tal-utent.
  4. Ir-raba’ dokument jinkludi linji gwida għal Aġenti Residenzjali li jobbliga kumpanija u individwi li mhumiex residenti Maltin biex ikollhom persuna residenti Malta fl-operat tagħhom.

Id-dokumenti huma aċċessibbli fuq www.mdia.gov.mt.