Pass ieħor lejn Brexit

Ġiet fi tmiemha t-tieni fażi tal-proċess tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit hekk kif dan qed jipprepara biex joħroġ mill-Unjoni.
It-tieni sett ta’ direttivi li ġew innegozjati ġew addottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għalih attendiet il-Ministru Malti għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli.
L-ewwel sett ta’ direttivi kienu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-ftehim finanzjarju u l-kwistjoni tal-Irlanda.
It-tieni sett ta’ direttivi jitkellmu dwar it-tranżizzjoni u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li jseħħ Brexit, fost oħrajn.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Dalli saħqet li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq ċertu kwistjonijiet għandha tkun aktar flessibbli, speċjalment fuq kwistjonijiet dwar is-servizzi, is-servizzi finanzjarji u l-mobilità taċ-ċittadini.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jkun qed jaddotta linji gwida oħra f’Marzu tal-2018 wara li jintlaħaq qbil fuq ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
Brexit se jseħħ uffiċjalment fid-29 ta’ Marzu 2019 wara perjodu tranżitorju ta’ 21 xahar.