Pass eqreb lejn liġi ġdida dwar il-korruzzjoni fl-isports

Tnediet konsultazzjoni pubblika sabiex jiġi ffinalizzat l-abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-korruzzjoni fl-isport Malti.
L-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni mistennija tieħu post l-Att Dwar il-Prevenzjoni ta’ Xiri ta’ Players tal-1976 sabiex tkun aġġornata maż-żminijiet preżenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports, Clifton Grima, qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Sostna li l-Gvern huwa kommess li jiġġieled kull tip ta’ korruzzjoni jew influwenza esterna fl-isport.
Barra minn hekk, kienet diġà twaqqfet task force magħmula minn rappreżentanti mis-Segretarjat konċernat, mill-Oppożizzjoni, mill-Intern, mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, minn Sports Malta, mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) u mill-Awtorità Maltija tal-Gaming (MGA).
Grima qal li jittama li kastigi ħorox iżommu milli persuni jikkorrompu l-isports Malti, filwaqt li l-liġi tħares ukoll lill-whistleblowers.
It-taskforce waslet għal dawn il-proposti, li mbagħad jiffurmaw il-bażi tal-abbozz:

  • Tifsira ġdida għal ‘korruzzjoni fl-isport’
  • Titwessa’ l-ġurisdizzjoni għall-prosekuzzjoni tal-persuni mixlija
  • Tiżdied il-piena tal-ħabs u multi
  • Jiġi introdott il-kunċett ta’ inside information
  • Persuni misjuba ħatja jiġu skwalifikati milli jattendu avvenimenti sportivi f’Malta

Appoġġ totali mill-Oppożizzjoni
Ir-rapppreżentanti tal-Oppożizzjoni fit-task force, David Agius u Jason Azzopardi, qalu li jappoġġjaw lill-Gvern f’din l-inizjattiva, iżda appellaw biex fl-aħħar ta’ dal-proċess ma tiddaħħalx firda politika bla bżonn.