Pass eqreb għal adozzjonijiet mill-Italja

Read in English.

Malta qiegħda f’taħdidiet dwar kollaborazzjoni mal-Italja dwar il-qasam tal-adozzjoni.

Fi stqarrija mingħand il-Gvern, ġie spjegat li l-Ministru għall-Familja Michael Falzon qiegħed fuq żjara uffiċjali f’Ruma. Hu qed jitkellem mal-Ministru għall-Familja tal-Italja Elena Bonetti u ma’ uffiċjali mill-Awtorità Ċentrali Taljana dwar l-adozzjoni.

Falzon semma li ż-żewġ pajjiżi għandhom numru ta’ sfidi u ta’ opportunitajiet komuni u minħabba f’hekk, din il-kollaborazzjoni tkun waħda tajba. B’dan il-mod ikunu qed jiġu mħarsa aktar l-interessi tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri prospettivi fiż-żewġ pajjiżi.

Qal li s-sena l-oħra Malta għamlet adozzjonijiet minn tliet pajjiżi differenti – l-Islovakkja, il-Portugall u l-Indja. Il-ministru tenna l-impenn tiegħu biex jiżdiedu l-adozzjonijiet lokali waqt li rrefera għat-tibdil kbir fil-liġi tal-protezzjoni tat-tfal. Waħda mit-tibdiliet hi li tfal li jkun ilhom ħames snin f’foster care ikunu jistgħu jiġu adottati.

Jakkumpanja lill-Ministru Falzon hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’
Ħarsien Soċjali, Matthew Vella. Waqt il-laqgħa qal li matul l-aħħar xhur saret ħidma biex il-proċess tal-adozzjonijiet f’Malta jkun qed jiġi simplifikat.