Pass eqreb fil-Parlament Ewropew sabiex jieqaf għalkollox l-użu tal-merkurju

Il-Parlament Ewropew irratifika l-Konvenzjoni Minamata tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-merkurju, bil-għan li tissalvagwardja s-saħħa pubblika u l-ambjent mill-perikli li jġib miegħu l-merkurju.
Il-Kelliema tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq is-Saħħa, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli, qalet li kien ilu jinħass il-bżonn li jittieħdu miżuri sabiex iċ-ċittadini u l-ambjent jiġu protetti minn din is-sustanza.
Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-merkurju hu fost l-aktar għaxar kimiċi ta’ tħassib għas-saħħa pubblika. Meta jmiss mal-arja, l-ilma jew l-art, il-merkurju għandu konsegwenzi serji ħafna kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent ta’ madwarna.
Dalli kompliet billi qalet li s-Soċjalisti u Demokratiċi se jibqgħu jagħmlu pressjoni biex il-Kummissjoni Ewropea tindirizza wkoll l-isfidi globali li ġejjin mill-użu tal-merkurju.
Permezz tar-Regulazzjoni tal-Merkurju, li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew f’Marzu li għadda, is-Soċjalisti u Demokratiċi kisbu wkoll projbizzjoni fuq l-użu tal-merkurju fl-operazzjonijiet tas-snien f’pajjiżi vulnerabbli, u qed jimbuttaw biex dan jitneħħa għal kollox fl-Unjoni Ewropea kollha.
Minħabba t-tossiċità tiegħu, l-użu tal-merkurju diġà tneħħa minn prodotti bħat-termometri, iżda għadu preżenti fi prodotti oħra tad-dawl bħal bozoz florexxenti, swiċċijiet, u batteriji.