Pass biex jitkompla l-każ kontra wlied John Dalli

Il-każ kontra wlied l-eks Kummisarju Ewropew John Dalli dwar il-ħasil ta’ flus u frodi waqaf kompletament minħabba l-fatt li 2 mis-6 akkużati fil-każ għadhom qatt ma dehru l-Qorti minħabba problemi tas-saħħa. Għalhekk, il-prosekuzzjoni talbet li jiġu separati l-proċeduri kontra n-nies differenti, biex il-każ jibqa’ miexi.

It-tnejn li huma qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus, miżapproprijazzjoni ta’ fondi, frodi, li għamlu dikjarazzjoni falza quddiem awtorità pubblika, iffalsifikaw dokumenti u għamlu użu minnhom. Waħda minnhom tinsab akkużata wkoll li kisret l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li naqset mid-dmirijiet tagħha ta’ accountant u awditur.

Xhur wara li beda l-każ, weħel kollox minħabba l-fatt li tnejn mill-akkużati tal-każ għadhom qatt ma dehru l-Qorti. Qabel ma bdew il-proċeduri, l-avukat informa lill-Qorti li waħda minn nisa sofriet puplesija, waqt li l-oħra għandha problemi b’mobilta.

Waqt li l-każ ta’ dik li sofriet il-puplesija se jsir separatament minn tal-oħrajn, il-prosekuzzjoni sostniet li dik li għandha problemi b’mobiltà irranġawlha trasport adattat biex tiġi l-Qorti. Id-difensura però sostna li l-problema hi biex toħroġ mir-residenza tagħha.

Il-Qorti ddikjarat li wkoll tinsab interessata li l-każ ikompli għaddej mill-iktar fiss possibli, u għalhekk il-Maġistrat laqa’ t-talba.