Dolly Parton qassmet b’xejn 115 miljun ktieb tat-tfal

Hu kkalkulat li l-kantanta Dolly Parton sa din is-sena tkun qassmet b’xejn 115 miljun ktieb lil ħafna tfal f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.

Il-kantanta hi magħrufa għal siltiet mużikali bħal 9 to 5, Jolene u The Coat of Many Colors fost oħrajn, kif ukoll films bħal Steel Magnolias. Hi għandha proġett li għalkemm ma tantx tiftaħar bih, ilha tħaddnu sa mill-1995.

Id-Dolly Parton Imagination Library bdietha bħala tifkira ta’ missierha li minħabba nuqqas ta’ flus fil-familja kien imċaħħad mill-edukazzjoni u minn skola. Qatt ma kien jaf jikteb u jaqra. Għalhekk bdiet dan il-proġett li fih hemm imsieħba 1,395,312 membru.

Minn meta jitwieldu sa ma jidħlu fil-kindergarten dawn it-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu kitbuhom bħala membri jirċievu ktieb fix-xahar biex b’hekk sa minn età żgħira  jibdew isiru jħobbu jaqbdu ktieb b’idejhom u forsi jaqrawh.

Dan il-proġett beda f’East Tennessee iżda issa nfirex anki f’pajjiżi bħall-Kanada, l-Awstralja, l-Irlanda u r-Renju Unit u l-pjan ta’ Dolly Parton huwa li jkompli jinfirex f’aktar pajjiżi madwar id-dinja.