Partiti Ewropej mhux sodisfatti bl-investigazzjoni tal-OLAF dwar John Dalli

Diversi Membri Ewro-Parlamentari mill-Partit tal-Ħodor, aktar tard illum mistennija jippreżentaw mandat biex tibda investigazzjoni mill-Parlament Ewropew fuq il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.

Hu mifhum li l-Ħadd filgħaxija, mexxejja tal-Partiti fil-Parlament Ewropew intwerew partijiet minn rapport li preżentat l-OLAF, li wassal għar-riżenja ta’ John Dalli.

Jidher li l-president tal-Partit tal-Ħodor, Rebecca Harms, qalet li n-nuqqas kbir ta’ informazzjoni jesiġi li ssir investigazzjoni u li tinħatar kummissjoni speċjali għal dan il-għan. Hu maħsub li l-mexxejja tal-partiti Ewropej jieħdu deċiżjoni jekk tinħatarx din il-kummissjoni aktar tard ix-xahar id-dieħel.

L-investigazzjoni mistennija tiffoka mhux biss fuq l-evidenza u ċ-ċirkostanzi li wasslu għar-riżenja ta’ Dalli, iżda wkoll fuq ir-rwol li għandhom ‘lobbyists’ tat-tabakk bl-għan li jippruvaw jinfluwenzaw liġijiet Ewropej.

Il-Ġimgħa li għaddiet, uffiċċjali mill-kumpanija ‘Swedish Match’ qalu li l-OLAF kienet għamlet pressjoni biex iżommu ma’ stqarrijiet uffiċjali li kienu diġa saru fl-investigazzjonijiet.

Il-Ħadd, John Dalli preżenta rekording ta’ uffiċjal tal-kumpanija jgħid li ma kienx vera li Dalli kien iltaqa’ aktar minn darba ma’ Gayle Kimberley. Allegatament, dawn il-laqgħat kienu waħda mill-evidenzi ewlenin li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni l-OLAF.

Aktar kmieni din is-sena, grupp li jaħdem favur aktar trasparenza fl-istituzzjonijiet Ewropej, ‘Corporate Europe Observatory’, akkuża lill-Kummissjoni Ewropea li ppubblikat biss uħud mid-dokumenti tal-investigazzjoni.

Allegat ukoll li l-Kummissjoni Ewropea m’onoratx liġijiet li jassiguraw trasparenza. B’rabta ma’ dan, l-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea fetaħ investigazzjoni aktar kmieni dan ix-xahar, iżda intqal li l-Kummissjoni Ewropea irrifjutat aċċess għad-dokumenti.