Partitarji akkaniti tal-futbol jistgħu jesperjenzaw attakk tal-qalb – riċerka

Skont riċerka maħruġa mill-Università ta’ Oxford il-partitarji tal-futbol jesperjenzaw livell ta’ tensjoni tant għoli waqt li qed jaraw logħba futbol, li jista’ jkun li jkunu qed ipoġġu lilhom infushom f’riskju ta’ attakk tal-qalb.

L-istudju li sar mill-Università ta’ Oxford għamel it-testijiet fuq il-bżieq tal-partitarji Brażiljani waqt il-logħba storika li tilfu kontra l-Ġermanja fit-Tazza tad-Dinja tal-2014. Irriżulta li l-ormonju cortisol spara ‘l fuq waqt il-logħba li tilfu f’darhom bl-iskor ta’ 7-1.

Dan jista’ jkun perikoluż, għaliex il-pressjoni togħla u l-istress fuq il-qalb jikber. Ir-riċerkaturi ma sabu l-ebda differenza fil-livelli ta’ stress bejn l-irġiel u n-nisa. Anka jekk kien hemm il-perċezzjoni li l-irġiel jorbtu qalbhom aktar mat-timijiet tal-futbol.

Ir-riċerkatriċi miċ-Ċentru għall-Istudju ta’ Oxford qalet li l-partitarji li għandhom qalbhom marbuta ma’ xi tim partikolari, jesperjenzaw stress psikoloġiku akbar minn ħaddieħor meta jkunu qed jaraw logħba futbol. Hi spjegat kif dawk il-partitarji li jaraw il-logħob b’mod aktar każwali, ukoll jesperjenzaw xi tip ta’ stress iżda mhux fl-estremità daqs partitarji aktar akkaniti.