Partijiet minn kunventi konvertiti fi klassijiet

L-Isqof Awżiljarju jiltaqa’ b’mod virtwali mal-edukaturi l-ġodda tal-iskejjel tal-Knisja.Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li tul ix-xhur tas‑sajf saru diversi xogħlijiet bi spejjeż kbar għall‑iskejjel tal-Knisja, b’mod partikolari biex titħares is‑saħħa u s‑sigurtà ta’ dawk kollha li ser ikunu fiżikament preżenti fil-bini tal-iskola. Intqal li fejn kien possibbli, ġew ikkonvertiti wkoll partijiet mill kunventi fi klassijiet.

Dan intqal fi stqarrija maħruġ mill-Kurja fl-okkażjoni tal-ftuħ tas‑sena skolastika 2020‑2021. Għal din l-okkażjoni wkoll, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ltaqa’ mal‑edukaturi l‑ġodda fl‑iskejjel tal‑Knisja waqt seminar online organizzat mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija.

Matul din is‑sena skolastika, madwar 3,000 edukatur se jkunu qed jgħallmu fil‑livelli kindergarten, primarju, sekondarju u s‑sitt sena post‑sekondarja f’55 skola tal-Knisja li fil-jiem li ġejjin ser jilqgħu mas-17,000 student. Aktar minn 150 edukatur ġdid bdew jaħdmu fl‑iskejjel tal‑Knisja f’din is‑sena skolastika l‑ġdida.

L‑Isqof irringrazzja lill‑edukaturi talli għażlu jgħallmu fi skola tal‑Knisja u stedinhom biex jieħdu dejjem bis‑serjetà l‑formazzjoni kontinwa, b’mod partikolari f’dak kollu li jiddistingwi l‑iskola Kattolika u l‑etos tagħha.

“Wieħed mill‑għanijiet prinċipali ta’ skola tal‑Knisja hu li tagħti valur u dinjità lil kull student”

Fil‑messaġġ tiegħu l-Isqof Galea-Curmi semma ħames karatteristiċi ewlenin ta’ skola tal‑Knisja. Beda bil‑viżjoni tal‑iskola li hi ispirata mill‑fidi u li tidher fix‑xhieda u l‑kliem tal‑edukaturi.

Semma kif għall‑Kattoliċi il‑ħajja tal‑bniedem hi għażiża f’kull waqt tagħha u proprju għalhekk, wieħed mill‑għanijiet prinċipali ta’ skola tal‑Knisja hu li tagħti valur u dinjità lil kull student billi tgħinhom jiskopru u jiżviluppaw it‑talenti u l‑kapaċitajiet tagħhom. Qal ukoll li skola Kattolika għandha tipprovdi formazzjoni ħolistika, inkluż b’mumenti ta’ talb u ċelebrazzjonijiet ta’ fidi, sabiex l-edukazzjoni mhux biss tħejji lill-istudenti akkademikament imma twieġeb għad-domandi essenzjali tal-ħajja.

L-Isqof Awżiljarju jiltaqa’ b’mod virtwali mal-edukaturi l-ġodda tal-iskejjel tal-Knisja.Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

L‑Isqof Galea‑Curmi qal li skola tal‑Knisja taħdem biex tkun esperjenza ta’ inklussività b’rispett għad‑diversità. Fisser kif din tgħin lill‑istudenti biex joħorġu minn mentalità individwalista u hekk jibnu komunità ta’ relazzjonijiet fejn jagħrfu l-ħtiġijiet tal-oħrajn u jgħinu bħal aħwa. Fi kliem l‑Isqof, skola tal‑Knisja tqiegħed fiċ‑ċentru l‑valuri li joħorġu mit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja, fosthom il‑formazzjoni għall‑impenn soċjali u l‑iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u ta’ wens b’attenzjoni partikulari għal min hu batut. 

L‑Isqof ħeġġeġ lill‑edukaturi biex jgħaqdu flimkien il‑professjonalità max‑xhieda tal‑etos ta’ skola Kattolika.