Partijiet mill-Park tal-Familja se jiġu kkumerċjalizzati

Fl-aħħar laqgħa tal-Kabinett ġie deċiż li jinħarġu sejħiet għall-offerti għall-kiri ta’ faċilitajiet ġodda fil-Park tal-Familja ta’ Marsaskala.
Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat fejn spjega kif f’Mejju li għadda kienet għalqet espressjoni ta’ interess biex jiġi stabbilit jekk jitressqux ideat ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet mill-Park.
B’kollox kien hemm 16-il sottomissjoni.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma ħassx li kellu jilqa’ xi proposti li saru minħabba nuqqas ta’ dettalji kif ukoll minħabba problemi loġistiċi u ta’ sigurtà, speċjalment għat-tfal.
It-terminu tal-kirjiet se jvarja skont iż-żoni individwali. Minħabba li partijiet tal-Park huma ffinanzjati minn fondi Ewropej, il-Gvern se joħroġ għall-kiri faċilitajiet f’għadd ta’ żoni.
Il-Ministru Brincat qal li l-pubbliku se jibqa’ jkollu aċċess ħieles u bla ħlas għaż-żoni l-oħra.
Leo Brincat qal li huwa l-ħsieb tal-Gvern li dħul mill-kirjiet imur għand it-tmexxija tal-Park biex ikopri parti mill-ispejjeż tal-manutenzjoni.
Qal li għalkemm il-faċilitajiet sportivi għall-klabb tal-futbol ta’ Marsaskala m’humiex se jiġu inklużi fis-sejħa għall-offerti, it-taħdidiet bejn il-Ministeru, il-Klabb u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isports u Żgħażagħ jinsabu fi stadju avvanzat u se jkomplu sakemm jiġi identifikat sit xieraq. 

Ritratt: DOI – Clifton Fenech