Parties tal-massa fil-lukandi u fit-toroq mhux idea tajba – Sant

Takeover Malta

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant sostna dalgħodu li l-ebda tip ta’ party tal-massa mhu tajjeb, la fit-toroq u lanqas fil-lukandi.

Hu kien qed jitkellem fid-dawl tal-aħħar żviluppi fejn għexieren ta’ persuni qed joħorġu pożittivi għall-virus wara li attendew party f’lukanda f’San Ġiljan, ftit wara anke ħarġu każi pożittivi ta’ persuni li attendew marċi tal-festi fit-toroq.

Nifhem il-problemi enormi li qed jaffaċċjaw dawk li jmexxu l-lukandi tagħna bħalissa.Nemmen li dawn il-problemi mhux…

Posted by Alfred Sant on Tuesday, July 28, 2020

Sant qal li jifhem il-problemi enormi li qed jaffaċċjaw dawk li jmexxu l-lukandi bħalissa. Jemmen li dawn il-problemi mhux se jirrisolvu ruħhom fi żmien qasir. Hu staqsa: “Minn fejn il-lukandiera se jibqgħu jġibu l-finanzi biex iżommu l-istabbiliment tagħhom “ħaj” minkejja li vojt jew kważi?”

Spjega li f’ċirkostanzi hekk, kull inizjattiva li tressaq ftit dħul lejn l-istabbiliment ma tistax twarrabha kif ġieb u laħaq. Minkejja dan, ma jarax li parties tal-massa jistgħu jitqiesu bħala idea tajba. Sostna li s-sogru li jagħtu isem ħażin lil-lukanda u lit-turiżmu f’Malta tkun kbira wisq. Hu qal li huwa veru li kien hemm ċerti baned li telqu biex isegwu d-deċiżjoni tal-lukandi u organizzaw parties “tal-massa” fit-toroq. Qal li fil-fehma tiegħu, lanqas dawn ma għamlu tajjeb.

Minbarra l-65 każ ta’ coronavirus importati mill-grupp ta’ immigranti li ddaħħlu Malta t-Tnejn li għadda u li ġew ikkonfermati lbieraħ, jidher li l-każi sintomatiċi fil-pajjiż qed jerġgħu jitilgħu. Is-seba’ każi li kienu rrappurtati lbieraħ wara nofsinhar kienu jinkludu każ ieħor marbut mal-party Hotel Takeover li sar fil-lukanda Radisson Blu f’San Ġiljan u kien organizzat mill-kumpanija G7.

Bħalissa, id-dipartiment tal-contact tracing jinsab għaddej b’ħidma kbira sabiex jipprova jlaħħaq mal-kuntatti differenti li seta’ kellhom il-persuni li nstabu pożittivi fl-aħħar jiem. Dan ġie wara perjodu twil ta’ ġranet fejn il-pajjiż ra ftit biss każi ġodda u l-għadd ta’ każi pożittivi kien niżel anki għal tliet persuni. Issa, fil-pajjiż, jidher li l-għadd ta’ każi pożittivi tela’ għal 99.