Parti mix-Xatt ta’ Bormla tingħalaq għat-traffiku

Bejn għada u nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru, parti minn triq ix-Xatt ta’ Bormla se tkun magħluqa għat-traffiku minħabba xogħlijiet relatati mas-servizzi.

Fost l-oħrajn se jiġu mgħoddija s-servizzi tal-ilma, l-elettriku u drenaġġ.

It-traffiku se jiġi devjat minn Pjazza Gavinu Gulia għal Triq it-8 ta’ Diċembru, Triq l-Inkurunazzjoni u Triq il-Pellegrinaġġ.

It-traffiku minn Triq it-8 ta’ Diċembru se jiġi devjat lejn Triq San Dwardu fid-direzzjoni tal-Kalkara jew lejn Triq il-Ġublew tal-Fidda fid-direzzjoni ta’ Ħaż-Żabbar.

Mhux se jkun permess parkeġġ fin-naħa tal-baħar ta’ Triq it-Tlett Ibliet u n-naħa tal-Isla ta’ Triq Fuq San Pawl.

It-triq se terġa’ tinfetaħ għat-traffiku fi żmien tlett ijiem hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet.

Ix-xogħlijiet imbagħad se jkomplu fi Pjazza Gavino Gulia, fejn se jkun hemm devjazzjonijiet żgħar tat-traffiku.