“Parti minni mietet” – oħt Chris Pandolfino

Facebook

Daniela Pandolfino, oħt Chris Pandolfino li nqatel mas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ġo darhom nhar it-Tlieta li għadda, kitbet li parti minn qalbha mietet flimkien ma’ ħuha.

Dan kitbitu fuq Facebook illum fl-ewwel reazzjoni tagħha fuq il-midja soċjali. Hija stqarret li m’għandhiex kliem quddiem traġedja hekk krudili u bla spjegazzjoni.

Iż-żewġ irġiel inqatlu nhar it-Tlieta filgħaxija ġor-residenza tagħhom fi Triq Locker f’Tas-Sliema. Instabu mejtin f’żewġ sulari differenti, u laqqtu tal-anqas sitt tiri.

Rapporti lbieraħ qalu li l-qtil aktarx sar b’vendetta. Ingħad ukoll li oħt Pandolfino toqgħod barra minn Malta, imma kienet qed toqgħod ma’ ħuha waqt btala f’Malta. Jidher li Chris Pandolfino kien barra mid-dar bejn is-7pm u l-10pm.

Dwar ħuha, kitbet li dan kien parti minnha mindu twieldet. Kien jaduraha u kellhom rabta speċjali bejniethom. Iddeskrivietu bħala mhux biss ħuha, imma l-akbar ħabib u s-salvatur tagħha li kien jiggwidaha. Spjegat kif fl-agħar żminijiet, huwa laqa’ lilha u lil binha ġo daru.

Iddeskrivietu wkoll bħala raġel li ma jsegwix in-normi soċjali, imma li jgħix bir-regoli tiegħu stess. Semmiet kif ġieli mar għall-kolazzjon b’ħafna ġiżirajjen tad-deheb m’għonqu u b’bermuda għal tieġ. Faħħritu tal-għerf tiegħu u tal-qalb tad-deheb li kellu.

Oħt il-vittma temmet il-messaġġ tagħha billi qalet lil ħuha li se timmissjah, u qalet li parti minnha mietet miegħu.

Il-Pulizija qed tfittex tliet aggressuri b’rabta mal-każ, li ntlemħu jsuqu minn fuq il-post b’vettura bajda. Huma damu ġod-dar bejn 4 u 5 minuti.