Parti minn Triq il-Wied f’Ħal Balzan se tingħalaq

Minn nhar it-Tnejn li ġej, Transport Malta se tibda x-xogħol tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li l-proġett huwa wieħed estensiv u x-xogħlijiet se jsiru f’fażijiet.

Ix-xogħol se jibda t-Tnejn filgħodu fil-parti tat-triq bejn Triq it-Tabib Zammit u Triq il-Kbira u din il-parti tat-triq se tkun kompletament magħluqa għat-traffiku.

Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ madwar nofs miljun Ewro.

Ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda tad-distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art, sistema ġdida ta’ kanali għall-ilma tax-xita, titjib fid-disinn tat-triq b’aktar spazji ta’ parkeġġ, bini mill-ġdid ta’ pedamenti, madwar 1.2 kilometri ta’ bankini ġodda u wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt.

Transport Malta ħeġġet lis-sewwieqa biex isuqu b’attenzjoni u jużaw toroq alternattivi filwaqt li jsegwu l-istruzzjonijet tal-uffiċjali fuq il-post.