Parti minn Triq il-Kosta se tingħalaq għal ġimgħa

Transport Malta avżat li parti minn Triq il-Kosta se tkun magħluqa minħabba xogħlijiet minn għada l-Ġimgħa sal-Ġimgħa ta’ wara.
Il-parti li se tkun magħluqa kompletament hi mill-junction ta’ Buġibba sa dik li tagħti għat-Telgħa t’Alla u Ommu.
Minn hawnhekk, it-traffiku se jkun jista’ jimxi biss lejn in-Nofsinhar, man-naħa tas-salini, f’karreġġjata waħda sa Triq ir-Ramla fejn it-traffiku jerġa’ lura għal żewġ karreġġjati.
Il-vetturi li jkunu fid-direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar iridu jiksru għal Triq ir-Ramla, lejn it-Telgħa t’Alla u Ommu u mbagħad lejn Burmarrad.
Anke l-karozzi tal-linja se jiġu ddevjati lejn Burmarrad waqt li se jiddaħħlu iktar vetturi bejn San Pawl il-Baħar u Buġibba biex ilaħħqu mal-iskeda.
Ix-xogħlijiet huma marbuta mas-sistema tad-drenaġġ waqt li se jsir ukoll xogħol fuq il-liwjiet perikolużi u twessiegħ f’ċerti partijiet tat-triq.
Transport Malta avżat ukoll li għada filgħaxija, mit-8.30 ‘il quddiem, se jingħalqu Triq Garibaldi fil-Marsa u Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa minħabba xogħlijiet ta’ tarmak. It-traffiku se jiġi ddevjat fit-toroq tal-madwar.