Parti mill-bypass tal-Mellieħa mhux ta’ kwalità – Ian Borg

Il-Ministru Ian Borg qal li l-bypass tal-Mellieħa trid tingħata wiċċ ġdid u għandu jħallasha l-kuntrattur peress li x-xogħol li sar ma kienx ta’ kwalità tajba.

Dan qalu fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Clayton Bartolo.

Il-Ministru qal li qegħdin isiru testijiet tal-kwalità fuq wiċċ it-triq, wara li xi partijiet mit-triq m’għaddewx mit-test. Dan il-proġett li sewa €2 miljun qajjem kontroversja minħabba l-iżvilupp privat kbir li qed isir mal-ġenb tal-bypass.

Ix-xogħol li beda f’Mejju li għadda għadda minn taħt idejn kuntratturi differenti mqabbdin b’direct order, li l-Ministeru ġġustifika billi qal li ried itemm il-proġett sal-bidu tas-sajf.

Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar, li kien Sindku tal-Mellieħa, staqsa lill-Ministru dwar rapporti li dehru fil-midja li qalu li kien hemm applikazzjoni biex jinbnew iżjed sulari fuq il-Panorama Hotel fil-Mellieħa, li l-applikanta għalihom kienet il-kantanta Christabelle Borg, f’isem V&C Developments immexxija minn missierha.

Il-Ministru Borg wieġeb lil Cutajar li mhux se jispekula fuq rapport tal-midja, imma li jittama li hu bħala resident ressaq oġġezzjoni u qed isegwi l-każ.