“Parti kbira tan-negozju bil-muniti virtwali hu frodi”

Żewġ kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-ekonomija virtwali qalu fuq CNBC li biċċa sew tan-negozju li jsir bil-muniti virtwali, jew cryptocurrencies kif inhuma magħrufa,  huwa frodi.
It-tliet kumpaniji ewlenin fid-dinja fil-qasam tal-muniti virtwali huma Bitcoin, Etherium u Ripple. Is-sena li għaddiet il-websajt Coinschedule rrappurtat li diversi kumpaniji ġabru madwar tliet biljun dollaru f’fondi f’muniti virtwali.
Joseph Lubin ta’ Etherium qal li dawn il-muniti virtwali qed jintużaw minn kumpaniji li jkunu se jibdew biex jiġbru fondi. Iżda wissa, li dawn ma jkunu qed joffru xejn reali u min jixtrihom ikun qed jixtri r-riħ. Dan mhux għax il-muniti virtwali huma, fihom infushom, ħżiena, imma minħabba n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni, huma miftuħa għal frodi. Lubin qal li minħabba li bosta minn dawn il-kumpaniji li kienu qed jużaw il-muniti virtwali ħażin kienu miċ-Ċina, dak il-pajjiż ħa miżuri drastiċi u waqqaf dan it-tip ta’ negozju.
Brad Garlinghouse ta’ Ripple qabel ma’ Lubin u qal li ħafna minn-negozju li qed isir huwa frodi, però għad jinqata biż-żmien. Huwa qal li bħalissa min jinnegozja bil-muniti virtwali qed jaħdem f’vakum ta’ leġiżlazzjoni iżda bil-mod, din il-leġiżlazzjoni għad tidħol.
Sa minn April tal-2017, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-kabinett kien approva abbozz ta’ strateġija nazzjonali li tippromwovi l-munita virtwali.