“Parti kbira mill-€50 miljun tal-VGH tmur għall-pagi”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li €32 miljun mill-€50 miljun li l-Gvern qed iħallas fis-sena lill-VHG skont il-kuntratt tal-konċessjoni qed imorru biex jitħallsu l-pagi tal-1,600 persuna li jaħdmu fit-tliet sptarijiet.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-€50 miljun li ngħataw lill-kumpanija li skontu ma jafux min hi, il-Ministru qal li l-Ministeru għas-Saħħa ħoloq ħames kumitati ta’ moniteraġġ biex il-ħlas issir biss skont il-kuntratt.
Il-Ministru ddeplora l-artiklu tal-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, li Edward Scicluna qal li hu mimli b’fatti żbaljati. Dan il-punt qajjem dibattitu jaħraq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Il-Ministru qal li meta l-Isptar San Luqa jkun lest, l-ispejjeż tal-Gvern ikunu differenti għax l-operatur se jitħallas skont is-sodod li jkunu qed jintużaw.
Ftit qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bil-mistoqsijiet tiegħu dwar iż-żewġ direct orders li jammontaw għal €4 miljun li ngħataw minn Sports Malta. Il-Ministru għall-Finanzi qal li hu ma jieħux pjaċir meta jingħataw id-direct orders għax jekk wieħed jippjana sew, ma jkunx hemm bżonnhom. Madanakollu, sostna li d-direct orders dejjem ħargu skont proċeduri stabbiliti. Huwa qal li fl-aħħar tas-sena, kull direct order jkun evalwat kif jagħmel ukoll l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.