​Parteċipazzjoni rekord fil-KMS Summer on the Move

Il-programm tal-Kunsill Malti għall-Isport, Summer on the Move din is-sena ra parteċipazzjoni rekord ta’ 3,800 ruħ li jvarjaw minn parteċipanti żgħar għal dawk adulti.
Dan il-programm qed jiġi offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS; dawk tal-Kottonera, Kirkop u tal-Qroqq, kif ukoll  fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi.
Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-futbol.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, li hija l-11-il edizzjoni ta’ Summer on the Move, ġew reveduti l-prezzijiet biex ikunu aktar vantaġġuzi speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgħa kollha.
Ftit tal-ġranet ilu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport żar il-Kumpless ta’ Ħal-Kirkop li huwa wieħed mill-kumplessi li fih qed isir il-programm Summer on the Move li issa wasal f’nofsu.
Waqt iż-żjara tiegħu, s-Segretarju Parlamentari seta’ jsegwi mill-viċin kif jitħaddem dan il-programm u tkellem mal-parteċipanti u mal-kowċis tagħhom.
Minbarra hekk esperjenza wkoll kif bosta ġenituri jattendu għas-sessjonijiet varji waqt li uliedhom ikunu għaddejjin bis-sessjoni tagħhom.
Summer on the Move se jibqa’ għaddej sal-5 ta’ Settembru 2014.