Parroċċa għenet mijiet biex isibu impjieg

Mix-xellug għal-lemin: Michael Aimola, Virginia Sullivan u d-Djaknu Steve Greco

Kull nhar ta’ Tnejn filgħodu, f’restorant fir-raħal ta’ Irvine f’California, voluntiera mill-parroċċa dedikata lil Santa Elizabetta Ann Seton, (SEAS), jiltaqgħu ma’ bejn tnejn u seba’ persuni li qed ifittxu mpjieg u jgħinuhom u jagħtuhom pariri biex isibu mpjiegi ġodda. Dan il-ministeru tax-xogħol tnieda waqt ir-riċessjoni tal-2008 u sal-lum għen mijiet ta’ persuna biex isibu xogħol bi qliegħ.

Michael Aimola li flimkien ma’ Virginia Sullivan u Brian Wolf imexxu dan il-ministeru tax-xogħol fi ħdan il-parroċċa, qal li meta wieħed ikun qed ifittex impjieg, qajla jaħseb li l-knisja tista’ tgħinu. “Imma aħna għandna nies li Ħadd wara Ħadd jiġu l-knisja jitolbu fuq il-bankijiet biex isibu mpjieg. Għalhekk iddeċidejna li ngħinuhom”.

Ħafna drabi dawk li jfittxu l-għajnuna huma ħaddiema anzjani li spiċċaw minn xi mpjieg li kien ilhom jagħmlu u issa ma jafux kif se jaqbdu jfittxu xogħol ġdid. Illum il-mod kif wieħed japplika għax-xogħol hu ferm differenti milli kien 10-15-il sena ilu. Ħafna nies ma jafux x’inhu Linkedin, ma jafux jiktbu CV u ma jafux jużaw is-sistema komputerizzata biex wieħed japplika għal impjiet.

Idea tad-Djaknu

Dan il-ministeru tax-xogħol kien idea tal-djaknu tal-parroċċa, Steve Greco. Fl-2008 beda jitkellem ma’ parruċċana li tilfet l-impjieg wara 30 sena taħdem ma’ kumpannija.  Ma kinitx taf kif se taqbad tfittex xogħol ieħor. “Il-każ tagħha qanqalni għax kont naf li hemm nies oħra fl-istess ċirkostanzi, u ddeċidejt li nagħmel xi ħaġa”.

Id-djaknu qabbad lil Brian Wolf biex imexxi l-ministeru u lil Virginia Sullivan li hi konsulent professjonali tal-karrieri u daħal hu nnifsu biex jgħinhom. Bdew jgħallmu lil dawk li qed ifittxu xogħol kif jiktbu cv tajjeb, jużaw l-internet u applikazzjonijiet tiegħu bħalma hu linkedin u networking u qabbdhom ma’ mentors biex jgħinuhom ifittxu x-xogħol.

Id-Djaknu nnifsu qabel kien jaħdem fil-qasam tal-farmaċewtika u seta’ jagħti parir dwar intervisti u jgħin lil dawk li qed ifittxu mpjieg kif jippreparaw diskors ta’ nofs minuta dwar il-ħiliet tagħhom u x’tip ta’ xogħol qed ifittxu u pariri utli oħra.

Komponent spiritwali

Hu nsista wkoll li jinkludi komponent spiritwali fil-laqgħat tal-ministeru tax-xogħol. Dan kien jinkludi qari mill-Iskrittura u talba u l-mistoqsija: f’hiex int spiritwalment? Spjega li l-qgħad joħloq fil-bniedem stigma emozzjonali. Hemm ukoll sfidi familjari u tensjonijiet għax wieħed jibda jistaqsi lilu nnifsu: ‘Issa kif se nħallas dan il-kont?’ F’dawn l-aspetti il-kuntest spiritwali jista’ jgħin ħafna u hu kruċjali.

Id-Djaknu li llum irtira, jiddedika l-ħin kollu tiegħu għal ministeru ieħor – il-Ministeru tal-Qlub Mimlija bl-Ispirtu”. Jgħid li hu nnifsu hu waħda mill-istejjer ta’ success tal-ministeru tax-xogħol għax ġietu opportunità li jibda jagħmel xi ħaġa ġdida u l-ministeru għenu fil-bidla minn xogħol għal ieħor.

Hu jemmen li kull parroċċa għandu jkollha ministeru tax-xogħol għax hu parti mill-missjoni ta’ ġustizzja soċjali tal-Knisja. Il-ġustizzja soċjali tinkludi li titma’ lil min hu bil-ġuħ, tgħin lill-fqir, ministeru mal-priġunieri, tgħin lil familji jsibu dar fejn joqgħodu, imma l-akbar rigal li l-Knisja tista’ tagħti lill-fqir hu li tgħallmu kif isibix-xogħol biex ikun kapaċi jfendi għal rasu u jgħin lill-familja.