Parroċċa fi Glasgow vandalizzata bil-goff

Statwa mal-art fil-knisja ta' San Xmun fi Glasgow, l-Iskozja

Il-Pulizija fi Glasgow, l-Iskozja qed tinvestiga atti goffi ta’ vandaliżmu li saru fil-knisja parrokkjali ta’ San Xmun, attakk li l-Arċidjoċesi ddeskriviet bħala wieħed “tal-mistħija”.

Dan l-att vandalu fil-knisja twettaq bejn is-1.30 u l-4.00 tal-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ April, skont ma qalet il-pulizija lokali.

L-Arċidjoċesi ta’ Glasgow sejjħitlu “attakk tal-mistħija fuq knisja maħbuba ħafna mill-poplu” u appellat biex jinstab min kien responsabbli biex jintbagħat messaġġ ċar u tond li dawn l-azzjonijiet m’humiex aċċetabbli.

Graffiti anti-Kattoliċi

F’dan l-attakk tfarrku statwi, fjuri u oġġetti reliġjużi tferrxu ma’ kullimkien u s-santwarju kien desakrat.

Dan l-att vandalu seħħ ftit jiem wara li graffiti anti-Kattoliċi nżebgħu fuq ‘bus-stop’ barra l-knisja tas-Sagra Familja fil-parroċċa ta’ Mossend. Ix-xahar li għadda tkisser ukoll il-ħġieġ tal-iskola Kattolika tal-istess parroċċa.

L-Iskozja sofriet minn diviżjoni settarja sinjifikanti wara r-Riforma Skoċċiża tas-seklu 16, li wasslet għat-twaqqif taċ-Church of Scotland, komunità ekklesjastika fuq tradizzjoni Calvinista li hi l-akbar komunità reliġjuża fil-pajjiż.

Mewġa ta’ reati anti-Kattoliċi

F’dawn l-aħħar snin fil-pajjiż kien hemm mewġa ta’ reati anti-Kattoliċi. Fi Glasgow, mixjiet organizzati mill-Protestanti sabu oppożizzjoni qawwija wara li qassis kien attakkat quddiem il-parroċċa tiegħu stess is-Sajf li għadda.

Stħarriġ li sar f’April tas-sena li għaddiet sab li 20% tal-Kattoliċi fl-Iskozja esperjenza abbuż u preġudizzju minħabba l-fidi tagħhom filwaqt li rapport tal-Gvern dwar reati motivati mir-reliġjon fl-2016 u l-2017 sab li fi Glasgow kien hemm konċentrazzjoni ta’ dawn l-inċidenti.