Parroċċa biex taqdi l-immigranti u r-refuġjati f’Ġerusalemm

L-Amministratur Apostoliku għal Ġerusalemm, l-Arċisqof Pierbattista Pizzaballa, iddeċieda li jwaqqaf “parroċċa personali” biex taqdi lill-immigranti u r-refuġjati, u Vikarjat Episkopali fl-Art Imqaddsa.
Il-Patrijarkat ta’ Ġerusalemm fuq inizjattiva tal-Amministratur Apostoliku waqqaf din il-“parroċċa personali” biex taqdi l-bżonnijiet ta’ numru dejjem iżjed ta’ immigranti u refuġjati li qed imorru f’Iżrael u saru parti integrali mill-komunità ta’ Ġerusalemm u bliet oħra li mhumiex kapaċi jagħtuhom l-għajnuna u s-servizzi li għandhom bżonn.
L-Arċisqof Pizzaballa qal li d-deċiżjoni biex jinbeda dan il-proġett ittieħdet wara xhur twal ta’ diskussjonijiet li fihom inħasset l-importanza li tittieħed inizjattiva bħal din f’dawn iż-żminijiet meta n-numru ta’ dawk li jistgħu jibbenefikaw minnha kiber immensament.
“Fil-fatt hemm madwar 200,000 persuna, minn pajjiżi differenti li fil-parti l-kbira tagħhom, għalkemm mhux kollha, huma Nsara. Ħafna minnhom isibu ruħhom f’dilemma mhux biss mill-aspett soċjali imma wkoll mill-aspett legali u kanoniku u l-parroċċi tradizzjonali ma jafux x’għandhom jagħmlu f’dawn is-sitwazzjonijiet”, spjega l-Arċisqof.
Għall-Insara, is-servizzi offruti f’din il-“parroċċa personali” huma primarjament servizzi pastorali u ekkleżjali, akkumpanjati mill-aspett spiritwali.  Barra minn dan il-Knisja hi attiva ħafna fuq livell soċjali u toffri għajnuna lit-tfal u tikkoordina ma’ Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi u oħrajn umanitarji.
Il-parroċċa u l-Vikarjat twaqqfu fi żmien fejn hemm kontroversja u opinjonijiet differenti dwar ir-rilokazzjoni ta’ 16,000 immigrant mill-Eritrea u mis-Sudan minn Iżrael għal xi pajjiżi oħra.
“Ma nafux x’se tkun il-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan ir-refuġjati imma aħna rridu nkunu lesti għal kull eventwalità. Probabbli li dawn jitqassmu u jinfirxu madwar il-pajjiż kollu u allura rridu norjentaw ruħna u nkunu preparati u lesti għall-ħtiġijiet pastorali ta’ dawn in-nies”, sostna l-Arċisqof Pizzaballa.
Fl-20 tax-xahar id-dieħel, jum is-Solennità t'Għid il-Ħamsin, hi l-ġurnata indikata li fiha tibda taħdem uffiċċjalment din il-“Parroċċa Personali” u l-Vikarjat.