Iridu l-kwalità tal-kandidati u mhux in-numru għall-Kunsilli

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u d-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo għamlu l-istess appell meta fil-Parlament qalu li l-kwalità importanti u mhux in-numru ta’ kandidati hekk kif is-sena d-dieħla għall-ewwel darba se ssir elezzjoni waħda tal-Kunsilli Lokali kollha.

Waqt il-winding up tat-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-Kunsill Lokali, Silvio Parnis iddeskriva s-sena d-dieħla bħala waħda kruċjali għal Kunsill Lokali u appella lill-kandidati biex min m’għandux ċans ikun aħjar li ma joħroġ xejn għall-elezzjoni.

Tal-istess fehma kien d-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo fejn qal li ma jaqbilx mal-politika tal-partit politiċi li joħorġu numru kbir ta’ kandidati fuq kull lokalità u ma jagħtux każ il-kwalità tal-kandidatura.

“Jien qiegħed f’pożizzjoni privileġġjata għax kont nimmilità fil-Partit Labursita u issa nagħmel parti mill-Partit Nazzjonalista. Aħjar 5 u tajbin milli 13 fuq lokalita,” hu qal. Hu stqarr li l-politka għandha tibqa’ barra mill-kunsilli lokali. “Ma’ Alfred Sant, fuq ħafna affarijiet ma kontx naqbel,pero fuq din kellu raġun,” hu temm jgħid.