Parlament: Mizzi ma jirtirax kliem mhux xieraq fil-konfront ta’ Pullicino

Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi ma rtirax kliem li qal ilbieraħ fis-seduta tal-Parlament fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista George Pullicino, li l-Ispeaker Anġlu Farrugia sab bħala mhux xieraq, li jitfa’ intenzjoni negattiva fuq il-karattru tiegħu, jonqos mir-rispett u possibilment intimidatorju.
Anġlu Farrugia, f’ruling li ta, qal li Konrad Mizzi kellu jirtira l-kliem “Taf kemm jgħidu fuqek kull negozjant li jeżisti f’Malta” li Mizzi qal lil George Pullicino u jekk jagħmel dan, il-każ jitqies magħluq.
Jekk jibqa’ jżomm din l-allegazzjoni, kif fil-fatt għamel, Konrad Mizzi jinstab ħati ta’ ksur ta’ privileġġ prima facie u jkollu jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi.
Il-Ministru ma rtirax kliemu u rrepeta dak li qal ftit sigħat ilu f’konferenza tal-aħbarijiet.
Mitlub kemm-il darba mill-Ispeaker biex iżomm mal-punt, Konrad Mizzi qal li wara l-elezzjoni li għaddiet ġie avviċinat minn negozjanti li qajmu dubji fuq ir-regolarità tal-kuntratt mogħti u  li dwaru ġew żvelati dokumenti fl-aħħar 24 siegħa.
Qal li l-atteġġjament ta’ George Pullicino lbieraħ ikkonfermalu d-dubji tiegħu.
Min-naħa tiegħu, George Pullicino qal li r-ritratt ippreżentat mill-Ministru Mizzi hu pubbliku u hu m’għamel xejn bil-ħabi. Irrepeta li wħud min-nies fuq il-Kumitat tal-Aġġudikazzjoni, li għażlu l-konsorzju li rebaħ it-tender, għadhom konsulenti tal-Ministru Mizzi sal-lum. Qal li m'għandux xi jżid ma' dak li diġà qal, inkluż iktar kmieni llum. 
Anġlu Farrugia kkonkluda li se jistudja d-dokumenti mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra llum biex jara jekk jimxix fuq l-aħħar parti tar-ruling u allura jekk il-każ jgħaddix f’idejn il-Kumitat tal-Privileġġi.