Parlament: Kumpanija Taljana tiftaħ protest ġudizzjarju fil-Qorti

Kumpanija Taljana li taħdem il-ġebel ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra kumpanija Maltija, biex din tipprovdilha, mingħajr iktar dewmien, il-ġebel meħtieġ għall-faċċata tal-parlament il-ġdid.
Il-kumpanija Taljana qed thedded lil dik Maltija li jekk iddum ma tipprovidlha l-materjal biex taħdmu, se żżommha responsabbli għal danni li tista’ ssofri.
Il-kumpanija Taljana qalet li hi ngħatat il-kuntratt wara li rebħet tender, u li l-kumpanija Maltija ġiet mogħtija lilha mill-Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li qed imexxi l-proġett f’isem il-Gvern.
Qed tgħid li l-kumpanija Maltija ma ssupplixxietx il-kwantità ta’ ġebel fil-ħin li kellha tagħmlu, ipprovdiet ġebel ta’ kwalità inferjuri u baqgħalha tipprovdi 60 metru kwadru ieħor.
Il-kumpanija Taljana qed tgħid li minħabba f’hekk il-Gvern qed jimponi multa ta’ €1,000 kuljum.