Parlament jiddibatti abbozz biex iseddaq l-awtonomija tiegħu

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu li l-Parlament għandu jsaħħaħ l-awtonomija tiegħu mill-Eżekuttiv.
Dan ħareġ hekk kif illejla, il-Parlament beda jiddiskuti l-Abbozz dwar is-Servizzi Parlamentari.
L-Abbozz tressaq quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti mid-Deputat Prim Ministru u Leader of the House Louis Grech nhar it-2 ta’ Diċembru 2015. Huwa kien issekondat mill-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius.
Fost l-oħrajn, l-Abbozz ta’ liġi qed jipproponi li l-Parlament ikollu personalità ġuridika kif ukoll il-fondi tiegħu. Dawn se jibdew jiġu approvati mill-Kamra fuq proposta tal-Iskrivan tal-Kamra li tkun approvata mill-Ispeaker. L-Abbozz jipproponi wkoll it-twaqqif ta’ bord Amministrattiv biex jgħin lill-Ispeaker u l-Iskrivan tal-Kamra. Bord indipendenti għandu jiddeċiedi s-salarji tal-Ispeaker u d-Deputati Parlamentari. Il-ħaddiema tal-Parlament mhux se jibqgħu jiffurmaw parti mis-Servizz Pubbliku, iżda bħala parti mill-istaff tal-Parlament. Hu propost ukoll li l-Ispeaker jservi ta’ Aġent President jekk ma jkunx hemm qbil dwar min għandu jokkupa l-kariga. Dan minflok l-Prim Imħallef liema rwol iċajpar id-distinzjoni bejn leġislattiv u ġuridiku.
Id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco waqt li tenna l-qbil ġenerali mal-abbozz propost, iddeskrivih bħala l-ewwel pass. Huwa ppropona fost l-oħrajn li dan l-abbozz ineħħi liġi li tippermetti li deputati parlamentari jservu f’karigi eżekuttivi. Ħeġġeġ ukoll dibattitu iktar miftuħ fejn deputati jkunu jistgħu jagħtu l-ideat tagħhom. Sejjaħ ukoll għal iktar riżorsi biex id-deputati, b’mod speċjali dawk tal-oppożizzjoni u backbenchers ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar l-iktar fid-dawl ta’ liġijiet dejjem iżjed tekniċi. Dwar dan qabel il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia li ppropona wkoll,  kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li l-parlament ikollu d-dħul tiegħu. David Agius issuġġerixxa li f’ċirkustanzi fejn il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jirregola s-servizzi Parlamentari dan m’għandux ikollu maġġoranza mill-Gvern, għalkemm dan għandu jibqa’ l-każ għal xogħol ieħor tal-Kumitat. Hekk biss tkun żgurata l-awtonomija mill-Eżekuttiv. Ippropona wkoll żewġ deputat speakers. Saqsa jekk l-Awditur Ġenerali li jwieġeb lill-Parlament għandux jivverifika l-kontijiet lill-istess Parlament.