Neħħejna ħafna mill-possibiltà li n-nies jimxu fit-toroq – Prof. Maria Attard

Read in English.

Prof. Maria Attard, esperta fil-qasam tat-trasport, qalet li għadna naħsbu wisq fuq infrastruttura u proġetti kbar meta l-infrastrutturi tagħna għad għandhom x’joffru biex itaffu l-problema. 

Hija qalet li mid-Disgħinijiet ilhom jittieħdu deċiżjonijiet li minħabba fihom qed innaqqsu l-livell ta’ mixi minn nies. Semmiet bħala eżempji t-tneħħija tal-bankini, il-bini ta’ bankini żgħar iżżejjed, iż-żieda tal-postijiet tal-parkeġġ li bihom ġew aljenati ż-żgħar u jinħolqu problemi għall-anzjani.

Qalet li huwa importanti li fit-tfassil tat-toroq nagħtu importanza lin-nies billi jkollna disinn aħjar fit-toroq.

Prof. Attard kienet qed titkellem waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt.

Fil-Kanada 40% tat-tfal jistgħu jimxu fit-triq waħedhom iżda f’Malta m’għandniex infrastruttura li tippermetti dan, qalet Prof. Attard, għax qed tgħid li f’Malta tneħħew il-possibiltajiet biex in-nies jimxu fit-toroq.

M’hemmx soluzzjoni waħda biss, qalet il-kelliema, għax aktar ma nibnu toroq aktar jiġu karrozzi.