Parkeġġ Università: Problema minkejja li hemm daqs 4 grawnds tal-futbol

“25,000 metru kwadru ta’ art fl-Università ta’ Malta huma ddedikati għal parkeġġ ta’ karozzi, li huma ekwivalenti fid-daqs għal erba’ grawnds tal-futbol.” Hekk kiteb il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) fi stqarrija fuq il-problemi ta’ parkeġġ fl-Università.
Il-Kunsill  isostni li dan minħabba nuqqas ta’ infrastruttura li twassal għal dependenza fuq vetturi personali.
Il-KSU tgħid li din is-sena ngħataw ‘il fuq minn 5,000 permess għall-parkeġġ, meta fl-Università kull m’hemm 680 kaxxa ta’ parkeġġ għall-istudenti.
Minn stħarriġ li għamel il-KSU, ġie żvelat li madwar 2,000 karozza biss jiġu minn iktar minn sitt kilometri 'l bogħod mill-Università.
Fl-2017 sar stħarriġ fuq modi ta’ trasport, li wera li madwar 70% jużaw vettura privata biex jaslu l-Università. Minn dawn, 77% jikkunsidraw sistema ta’  Park and Ride, u 44%  jikkunsidraw jużaw rota jekk it-toroq ikunu iktar siguri.
Fl-istess stħarriġ ħareġ li t-trasport pubbliku ma jintużax mill-maġġor parti minħabba nuqqas ta’ effiċjenza, kemm fir-rotot kif ukoll fil-ħinijiet.
Il-Kunsill jitlob lill-Università ta’ Malta sabiex toħloq infrastruttura li hi sigura u attraenti għal trasport alternattiv.