Parkeġġ Nigret: Jaqalgħulu x-xatba fi tliet iljieli

Read in English.

Dun John Buhagiar, ir-Rettur taċ-Ċentru Pastorali ta’ San Luqa fin-Nigret, spjega ma’ Newsbook.com.mt kif ix-xatba li huwa għamel fil-parkeġġ li hemm viċin tal-knisja spiċċat maqlugħa fi tlett iljieli.

Ix-xatba saret wara li l-parkeġġ li huwa propjetà privata tal-Knisja kien qed jintuża b’mod abbusiv u fih tpoġġew karozzi mitluqin jew bil-ħsara uħud minnhom bla liċenzja jew inkella bla pjanċi. Wara li l-karozzi mitluqa u mkissra nħarġu mill-parkeġġ, il-Pulizija ħadu ħsieb li jneħħuhom, u wara twaħħlet ix-xatba.

Dun Buhagiar spjega kif fl-ewwel lejl xi ħadd mhux magħruf għawweġ il-ħadida, fit-tieni lejl qaċċtu l-katnazz u fit-tielet lejl ix-xatba li kien għamel spiċċat maqlugħa minn mal-ħajt. Ma’ Newsbook.com.mt ir-Rettur stqarr li għamel rapport mal-Pulizija fuq ix-xatba li spiċċat sgassata, filwaqt li rrakkonta li kemm ilu li mhemmx ix-xatba issa hemm trailer ipparkjat fil-parkeġġ.

Sostna li kemm ilha x-xatba maqlugħa, reġa’ ġew il-karozzi mkissrin. Ir-Rettur saħaq ma’ Newsbook.com.mt li din hi propjetà privata.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja Michael Pace Ross qal ma’ Newsbook.com.mt li huma ġew infurmati bil-każ. Saħaq li minħabba li dan li s-spazju jintuża minn dawk li jmorru għall-quddies is-Sibt u l-Ħadd, talbu biex il-karozzi mkissra ma jibqgħux jokkupaw l-ispazju.

Pace Ross qal ma’ Newsbook.com.mt li huwa tkellem mas-sid tat-trailer u talbu biex ineħħih mill-parkeġġ, dan għaliex is-sid la għandu permess tal-Kurja u lanqas tar-Rettur preżenti biex jagħmel użu mill-parkeġġ privat. Huwa temm jgħid li l-ispazju huwa għal dawk li jiġu jisimgħu quddies u la huwa post fejn tħalli t-trailer u wisq inqas post għall-vetturi li mhumiex qed jintużaw jew li għandhom bżonn it-tiswija. Huwa wera l-appoġġ tiegħu mar-Rettur Dun John Buhagiar.