Park tal-klieb ġdid f’Ta Qali

Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Annimali, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes inawgura Park tal-Klieb ġdid f’Ta’ Qali.
Dan il-proġett se jservi bħala post ta’ rikreazzjoni u eżerċizzju għall-klieb.
Roderick Galdes qal li dan il-proġett ikompli mas-sensiela ta’ proġett oħra fosthom it-tnedija ta’ żoni tal-għawm għall-klieb u t-tkabbir tal-park tal-klieb eżistenti f’Ta’ Qali.
Qabel, flok dan il-Park tal-Klieb kien hemm kważi żewġ tomniet art mitluqa mimlija terrapien.
Iżda issa din l-art se tkun qed titgawda mill-klieb mingħajr ebda bżonn ta’ ċinga.
Il-Park se jkun maqsum f’żewġ partijiet biex il-klieb kbar ma jkunux mal-klieb oħrajn iżgħar.
Il-Park jinkludi wkoll diversi oġġetti li kelb jista’ jilgħab bihom. L-ispiża tal-materjal tlaħħaq mal-€20,000.
Illum ukoll ġew inawgurati żewġ ambulanzi ġodda tal-annimali li nxtraw mill-Gvern.
Dawn it-tip ta’ ambulanzi jaħdmu 24 siegħa kuljum u jsalvaw medja ta’ 2,500 annimal fis-sena.
Ritratti: DOI – Clifton Fenech